L-anzjetà, il-kalmanti u l-fejqan

Aqra l-artiklu miktub minn Dr. Patrick Abela li gie ippublikat fuq in-Nazzjon.

Ladarba kulħadd jgħaddi minn żminijiet diffiċli fil-ħajja, kulħadd għandu l-mod tiegħu kif ikampa mas-sitwazzjoni li jinsab fiha. Iżda xi kultant, l-istrateġija li nużaw biex intaffu ftit mill-uġigħ tal-ħajja ma tkunx waħda għaqlija. Kemm-il darba fil-prattika naraw individwi li jkunu għaddew minn perjodu iebes fil-passat imbiegħed u li għadhom sal-lum, bosta snin wara, imkissrin bi ħsibijiet li ma jistgħux iwasslu għall-paċi interna. Sfortunatament, din hija sitwazzjoni verament komuni f’pajjiżna għax l-għodda meħtieġa biex wieħed isib sabar għat-toqol tal-ħajja ma jingħatawx fl-iskejjel bħal ma jingħataw is-suġġetti tal-matematika u l-lingwi. Is-sengħa tas-serenità hija waħda li tiġi mgħallma bl-eżempju fl-ewwel snin tal-ħajja, normalment mill-ġenituri li jkunu taħt l-istess saqaf. Dan il-proċess ta’ tagħlim jista’ ma jitwettaqx sew fis-snin kruċjali taż-żgħorija, u l-individwu jidħol fl-adoloxxenza armat b’apparat emozzjonali limitat u batut. B’hekk meta bniedem ma jsibx ruħu kapaċi jtaffi l-anzjetà, ma jsibx triq oħra ħlief li jmewwet id-djieqa flimkien ma’ kull emozzjoni oħra bl-għajnuna tal-kalmanti.  

Il-kalmanti huma klassi ta’ mediċini li jnaqqsu t-toqol fuq il-menti saħansitra anke fi ftit minuti mill-ħin li jiġu ngħatati. Minħabba l-effett immedjat tal-kalmanti fuq l-anzjetà, din il-klassi ta’ mediċini rebħet popolarità qawwija fi żmien qasir. Sal-1977, kienu l-iktar mediċini mibjugħa mad-dinja kollha u żammew it-titlu għal bosta snin. F’dan il-perjodu, ir-riċerka fuq il-mediċini kienet limitata ħafna u ma kienx hemm daqshekk informazzjoni fuq l-effetti ħżiena ta’ dawn is-sustanzi. Illum il-ġurnata però, wara ħafna studju fuq nies li kienu ilhom bosta snin jużaw il-kalmanti, saru iktar magħrufin l-effetti ħżiena ta’ dawn il-mediċini fuq il-moħħ u fuq il-fwied.  Biż-żmien beda jidher ukoll li min kien qed jipprova jtemm l-użu tal-kalmanti, kien iħoss dwejjaq u anzjetà kbira u b’hekk kien jerġa’ jaqa’ lura fil-vizzju, ħafna drabi fuq dożi ogħla biex ipatti għall-effett tan-nuqqas tagħhom.

Illum il-ġurnata, it-tobba huma ħafna iktar attenti li l-kalmanti ma jintużawx għal perjodi twal ta’ żmien. Dawn is-sustanzi xorta għandhom użu tajjeb kemm fil-qasam psikjatriku, kif ukoll oqsma oħra tal-mediċina u l-kirurġija, filfatt nużawhom ta’ spiss meta jkun hemm attakki tal-paniku, tal-epilessija u tal-aggressjoni.  Però hija r-responsabbiltà tat-tabib li jkun kiteb dawn il-mediċini għall-pazjent tiegħu, li jara li ma jibqgħux jiġu miktuba għal tul ta’ żmien. Fil-preżent, il-kura ta’ l-anzjetà saret ħafna inqas perikoluża bl-għajnuna tal-mediċina moderna. Sfortunatament, xorta naraw numru sew ta’ klijenti li jagħmlu użu regolari tal-kalmanti u li saħansitra jkunu ilhom jużawhom għal bosta snin. Dawn isibuha diffiċli ħafna li jneħħu l-vizzju u jispiċċaw jgħixu kuljum bil-kalmanti f’dożi għoljin u bl-effetti koroh tagħhom bħal sturdament, dimensja u l-ħsara tal-fwied.

Allura, kif jista’ bniedem li qed ibati mill-anzjetà joħroġ min-nassa? L-ewwelnett, irridu nifhmu li l- anzjetà dejjem ikollha raġuni għall-eżistenza tagħha. Meta nesploraw il-passat mal-klijenti tagħna, bosta drabi jkunu jistgħu jgħidulna sad-data u l-ħin li tkun bdietilhom din it-tensjoni. L-avvenimenti li jwasslu għall-anzjetà jistgħu ikunu bosta. L-iktar sitwazzjonijiet diffiċli ħafna drabi jkunu dawk ta’ mewt jew separazzjoni fil-familja, però anka sempliċiment li wieħed jiżżewweġ jew li jirtira tista’ tkun kaġun ta’ nervi kbar. Il-karattru tal-individwu ukoll jagħmel differenza kbira. Hawn min jingħata aħbar kerha u jirnexxilu jkampa bla problema ta’ xejn, u hawn min iġib id-dinja fit-tarf fuq inkwiet żgħir daqs nitfa. Minkejja l-individwu u l-istorja li wasslitu għat-tensjoni, l-aħjar għodda li għandna llum il-ġurnata kontra l-anzjetà hija l-psikoterapija.  

Il-psikoterapija tinvolvi li wieħed jiltaqa’ ma’ terapista sabiex jiftaħ qalbu fuq il-problemi li jkunu qed joħolqu d-dwejjaq. Il-fatt li bniedem jesprimi l-anzjetà bil-mod tiegħu u mingħajr ma jingħata ġudizzju ikrah jew jiġi mifhum ħażin, hija diġà biżżejjed biex wieħed jibda jifhem kif jista’ jtejjeb il-kwalità ta’ ħajtu. It-terapista jservi wkoll ta’ kritiku għall-ħsibijiet tal-klijent u jipprova jgħallem l-għodda neċessarja sabiex l-individwu jistrieħ mid-djieqa tiegħu u jerġa’ jsib kalma u sodisfazzjon personali minkejja l-isfortuna u t-traġedji tal-passat. 

Dan l-artiklu huwa parti minn sensiela ta’ publikazzjonijiet informattivi marbuta mas-saħħa mentali. Bħala parti mill-kampanja “Serraħ il-Menti”, it-tobba li qed jispeċjalizzaw fil-psikjatrija qegħdin jaħdmu biex iżidu l-għarfien pubbliku dwar is-saħħa mentali tagħna. Għal iktar informazzjoni, tistgħu tikkuntatjawna fuq publicrelations.mapt@gmail.com. Tistgħu iżżuru wkoll is-sit uffiċjali tagħna, http://www.mapt.org.mt. 

Serraħ il-Menti Launch

The Serraħ il-Menti campaign is aimed at promoting mental health to the general public. Through a series of newspaper articles and media event, psychiatric trainees will be working to promote how individuals with mental health disorders deserve our society’s understanding and compassion. The campaign will focus on a number of commemorative dates, linked with mental health, so as to offer a comprehensive overview of the myriad of issues related to this important medical field. It will conclude with an outreach campaign and a press conference detailing the effect which this initiative had on the general public.