Aqra l-artiklu miktub minn Dr. Patrick Abela li gie ippublikat fuq in-Nazzjon.
Ladarba kulħadd jgħaddi minn żminijiet diffiċli fil-ħajja, kulħadd għandu l-mod tiegħu kif ikampa mas-sitwazzjoni li jinsab fiha. Iżda xi kultant, l-istrateġija li nużaw biex intaffu ftit mill-uġigħ tal-ħajja ma tkunx waħda għaqlija. Kemm-il darba fil-prattika naraw individwi li jkunu għaddew minn perjodu iebes fil-passat imbiegħed u li għadhom sal-lum, bosta snin wara, imkissrin bi ħsibijiet li ma jistgħux iwasslu għall-paċi interna. Sfortunatament, din hija sitwazzjoni verament komuni f’pajjiżna għax l-għodda meħtieġa biex wieħed isib sabar għat-toqol tal-ħajja ma jingħatawx fl-iskejjel bħal ma jingħataw is-suġġetti tal-matematika u l-lingwi. Is-sengħa tas-serenità hija waħda li tiġi mgħallma bl-eżempju fl-ewwel snin tal-ħajja, normalment mill-ġenituri li jkunu taħt l-istess saqaf. Dan il-proċess ta’ tagħlim jista’ ma jitwettaqx sew fis-snin kruċjali taż-żgħorija, u l-individwu jidħol fl-adoloxxenza armat b’apparat emozzjonali limitat u batut. B’hekk meta bniedem ma jsibx ruħu kapaċi jtaffi l-anzjetà, ma jsibx triq oħra ħlief li jmewwet id-djieqa flimkien ma’ kull emozzjoni oħra bl-għajnuna tal-kalmanti.
Il-kalmanti huma klassi ta’ mediċini li jnaqqsu t-toqol fuq il-menti saħansitra anke fi ftit minuti mill-ħin li jiġu ngħatati. Minħabba l-effett immedjat tal-kalmanti fuq l-anzjetà, din il-klassi ta’ mediċini rebħet popolarità qawwija fi żmien qasir. Sal-1977, kienu l-iktar mediċini mibjugħa mad-dinja kollha u żammew it-titlu għal bosta snin. F’dan il-perjodu, ir-riċerka fuq il-mediċini kienet limitata ħafna u ma kienx hemm daqshekk informazzjoni fuq l-effetti ħżiena ta’ dawn is-sustanzi. Illum il-ġurnata però, wara ħafna studju fuq nies li kienu ilhom bosta snin jużaw il-kalmanti, saru iktar magħrufin l-effetti ħżiena ta’ dawn il-mediċini fuq il-moħħ u fuq il-fwied. Biż-żmien beda jidher ukoll li min kien qed jipprova jtemm l-użu tal-kalmanti, kien iħoss dwejjaq u anzjetà kbira u b’hekk kien jerġa’ jaqa’ lura fil-vizzju, ħafna drabi fuq dożi ogħla biex ipatti għall-effett tan-nuqqas tagħhom.
Illum il-ġurnata, it-tobba huma ħafna iktar attenti li l-kalmanti ma jintużawx għal perjodi twal ta’ żmien. Dawn is-sustanzi xorta għandhom użu tajjeb kemm fil-qasam psikjatriku, kif ukoll oqsma oħra tal-mediċina u l-kirurġija, filfatt nużawhom ta’ spiss meta jkun hemm attakki tal-paniku, tal-epilessija u tal-aggressjoni. Però hija r-responsabbiltà tat-tabib li jkun kiteb dawn il-mediċini għall-pazjent tiegħu, li jara li ma jibqgħux jiġu miktuba għal tul ta’ żmien. Fil-preżent, il-kura ta’ l-anzjetà saret ħafna inqas perikoluża bl-għajnuna tal-mediċina moderna. Sfortunatament, xorta naraw numru sew ta’ klijenti li jagħmlu użu regolari tal-kalmanti u li saħansitra jkunu ilhom jużawhom għal bosta snin. Dawn isibuha diffiċli ħafna li jneħħu l-vizzju u jispiċċaw jgħixu kuljum bil-kalmanti f’dożi għoljin u bl-effetti koroh tagħhom bħal sturdament, dimensja u l-ħsara tal-fwied.
Allura, kif jista’ bniedem li qed ibati mill-anzjetà joħroġ min-nassa? L-ewwelnett, irridu nifhmu li l- anzjetà dejjem ikollha raġuni għall-eżistenza tagħha. Meta nesploraw il-passat mal-klijenti tagħna, bosta drabi jkunu jistgħu jgħidulna sad-data u l-ħin li tkun bdietilhom din it-tensjoni. L-avvenimenti li jwasslu għall-anzjetà jistgħu ikunu bosta. L-iktar sitwazzjonijiet diffiċli ħafna drabi jkunu dawk ta’ mewt jew separazzjoni fil-familja, però anka sempliċiment li wieħed jiżżewweġ jew li jirtira tista’ tkun kaġun ta’ nervi kbar. Il-karattru tal-individwu ukoll jagħmel differenza kbira. Hawn min jingħata aħbar kerha u jirnexxilu jkampa bla problema ta’ xejn, u hawn min iġib id-dinja fit-tarf fuq inkwiet żgħir daqs nitfa. Minkejja l-individwu u l-istorja li wasslitu għat-tensjoni, l-aħjar għodda li għandna llum il-ġurnata kontra l-anzjetà hija l-psikoterapija.
Il-psikoterapija tinvolvi li wieħed jiltaqa’ ma’ terapista sabiex jiftaħ qalbu fuq il-problemi li jkunu qed joħolqu d-dwejjaq. Il-fatt li bniedem jesprimi l-anzjetà bil-mod tiegħu u mingħajr ma jingħata ġudizzju ikrah jew jiġi mifhum ħażin, hija diġà biżżejjed biex wieħed jibda jifhem kif jista’ jtejjeb il-kwalità ta’ ħajtu. It-terapista jservi wkoll ta’ kritiku għall-ħsibijiet tal-klijent u jipprova jgħallem l-għodda neċessarja sabiex l-individwu jistrieħ mid-djieqa tiegħu u jerġa’ jsib kalma u sodisfazzjon personali minkejja l-isfortuna u t-traġedji tal-passat.
Dan l-artiklu huwa parti minn sensiela ta’ publikazzjonijiet informattivi marbuta mas-saħħa mentali. Bħala parti mill-kampanja “Serraħ il-Menti”, it-tobba li qed jispeċjalizzaw fil-psikjatrija qegħdin jaħdmu biex iżidu l-għarfien pubbliku dwar is-saħħa mentali tagħna. Għal iktar informazzjoni, tistgħu tikkuntatjawna fuq publicrelations.mapt@gmail.com. Tistgħu iżżuru wkoll is-sit uffiċjali tagħna, http://www.mapt.org.mt.